Emigrazzjoni
Bħalma għamlu tliet ulied minn t'ommi u skoss nies oħra, dan il-blog emigra.
Tista' żżuru hawnhekk.
Napprezza jekk taġġorna l-links tiegħek.
Tislijiet.
Dwar il-fidili, l-eroj u r-romantiċiżmu
Fil-Corriere della Sera illum deher daqsxejn ta' artiklu dwar l-iskoperta riċenti ta' dokumentarju maħdum fil-bidu tas-sittinijiet mill-Università ta' Florida, li fih jidher Jim Morrison fil-parti ta' student ta' xi 18-il sena li applika biex jidħol f'din l-università. Il-video juri lil Jim Morrison f'dehra doċli ħafna, jirreċta ta' wieħed iddiżappuntat għax għadu kemm irċieva nota minn FSU li ma ġiex aċċettat biex jibda kors universitarju. Bir-raġun, dan l-artiklu mhux iffirmat jinnota kemm Morrison jidher differenti minn kif soltu narawh fir-ritratti u posters li saru kult fihom infushom. F'kumment qasir li ta dwar dan il-video, il-kritiku magħruf Mario Luzzato Fegiz qal kemm Morrison ta' qabel id-Doors jidher "bħallikieku kien wieħed minna". Fil-fatt jien naħseb li kien jidher qisu wieħed fidil.
Bħal ħafna membri tal-ġenerazzjoni-X Maltin sirt naf id-Doors meta kelli xi tnax-il sena, grazzi għas-serje Mister Fanasy, ippreżentata minn Carlo Massarini fuq ir-Rai Uno fil-bidu tat-tmeninijiet. Dak iż-żmien, kull nhar ta' Ħadd filgħaxija kont insegwi din is-serje b'devozzjoni ikbar mill-quddiesa tal-Ħadd, u l-aktar li kont nistenna kienu l-videos tad-Doors li għal ħafna ġimgħat kienu jagħlqu l-programm. Kien bis-saħħa ta' Mister Fantasy li smajt għall-ewwel darba "Light My Fire" u "Riders on the Storm". Biex inkun onest, fir-realtà qatt ma kont xi fan kbir tad-Doors, għax kont nippreferi l-mużika b'messaġġi politiċi tal-Pink Floyd u l-blues taż-Zep. Tant hu hekk li meta għodwa waħda f'Ġunju 2001 żort iċ-ċimiterju ta' Pere Lachaise ippreferejt inżur l-oqbra ta' Michel Petrucciani u - ovvjament - Fryderyk Chopin, milli ta' Morrison minkejja li kien biss tefgħa ta' ġebla 'l bogħod.
M'għandi l-ebda dubju li l-ħabib antik tiegħi Toni, li bħalissa jinsab Malta għal ġimagħtejn, jieħu gost jara l-video ta' Morrison. Niftakarni nisilfu każett tad-Doors meta konna l-iskola. Fil-post l-aktar riċenti tiegħu Toni esprima ċertu tħassib għax ra li Malta ma nbidlitx wisq minn mindu kien hawn l-aħħar erba' snin ilu. Mhix xi sorpriża din. Meta wieħed jikkunsidra d-diskors li sar dwar il-bidu ta' era ġdida ma tistax toħodha bi kbira li l-emigranti Maltin jiġu s'hawn b'aspettattivi kbar, għalkemm diffiċli wieħed jifhem x'inhuma dawn l-aspettattivi. Li ssorprendieni kienet it-tweġiba li Toni ta għal wieħed mill-kummenti li ntbagħatlu fuq il-blog; kumment li ħajru jqatta' nofs ta' nhar San Blas, imaxtar ftira tal-Maxokk u jgawdi l-ħars inkwiżittiv tal-bdiewa huwa u jippassiġġa lejn il-bajja. It-tweġiba mogħtija tikkuntradixxi l-post. Imma naħseb li din il-kuntradizzjoni hija sintomatika: fuq naħa nippretendu li dal-pajjiż jinbidel, u mill-banda l-oħra nibqgħu miġbudin lejn l-istampi romantiċi tal-pajjiż u niesu li jfakkruk f'xi poeżija ta' Dun Karm dwar it-tfajliet sexy u mbaċċnin li jaħdmu fl-għelieqi.
Bħal meta tara video ta' Jim Morrison b'wiċċ ta' fidil filwaqt li tistennieh iħarislek b'dik il-ħarsa ta' nittien b'sidru mikxuf qisu xi alla tal-Greċja Klassika.
Blogosfera
Reċentament qam dan il-fenomenu soċjali u intellettwali li qed jara l-proliferazzjoni ta' blogs Maltin. Filwaqt li wħud minnhom m'huma xejn għajr kitbiet djaristiċi li jissodisfaw il-bżonnijiet narċissisiti u esibizzjonisti ta' min jiktibhom, oħrajn qegħdin joħolqu diskors li s'issa ma ssibu fl-ebda paġna ta' l-istampa lokali. Jidher li l-blog jagħti lil dak li jkun ċerta libertà li l-istampa Maltija ma tagħtix, speċjalment lil dawk l-uħud li għal raġunijiet differenti tbiegħdu mill-impenn ġurnalistiku u intellettwali mainstream. Il-kummentarju ta' Salvu Balzan fl-edizzjoni tal-Ħadd li għadd tal-Malta Today jagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni fqira u non-demokratika ta' l-istampa Maltija. Fl-artiklu tiegħu Published and Be Damned, l-ex-attivist ta' l-Alternattiva Demokratika, jargumenta li l-kontenut li qiegħed jiġi mxandar fil-gazzetti huwa kkontrollat u ċċensurat minn dawk li jmexxuhom, jiġifieri l-Partiti Omnipotenti, il-Knisja Kattolika (li hija inqas potenti) u ċorma negozjanti sinjuruni u familji influwenti. Jekk wieħed jiddisassoċja ruħu minn dawn il-magni tal-poter jispiċċa jcaħħad lilu nnifsu mill-opportunità li jwassal leħnu.
Uħud minn dawn il-blogs, partikolarment dawk ta' Mark Vella, Toni Sant u Robert Micallef, għalkemm f'livelli differenti, jistgħu jitqiesu bħala alternattivi impenjati għal dak li l-ġurnalisti Maltin qed jitimgħu lill-pubbliku. Din il-klassi emerġenti ta' kummentaturi tidher li tat vot ta' sfiduċja lill-istampa Maltija u qiegħda tfittex orizzonti ġodda li wieħed jippreżumi li ma jaqgħux taħt l-iskrutinju ta' xi ċensur moħbi lest biex jimla formola u jibgħatha l-Qorti ġaladarba xiħadd jazzarda 'jaqbeż il-limiti'.
Punt interessanti ieħor huwa li numru sew minn dawn il-blogs jinkitbu minn Maltin li emgiraw. Mark Vella jgħix Strasburg, Toni Sant fir-Renju Unit, u oħrajn bħal Pierre Mejlaq u ċertu/a gybejxi fi Brussell, u Sharon Spiteri tinsab tistudja l-Iskozja. X'inhu li jimmotiva lil dawn l-emigranti jiktbu weblogs mimlija kummenti fuq art tweldihom? Wisq probabbli, l-istess bħalma ġralu James Joyce huwa u jikteb Dubliners f'xi kmajra mġiddma 'l bogħod minn pajjiżu, dawn it-talin inħakmu minn sens ta' libertà u ta' distakk li jagħmilhielhom eħfef biex jiskrutinizzaw l-art li ħallew warajhom.
Dawk il-bloggers li bħal Mark Vella u bħali għażlu li jiktbu l-blog tagħhom bil-Malti qegħdin jieħdu pass ieħor 'il quddiem. Tneħħi l-Malta Today, f'Malta għad m'hawnx gazzetta jew ġurnal serju u intelliġenti. Iżda l-Malta Today tinkiteb bl-Ingliż. Kif diġà ktibt fil-blog ta' qabel dan, nogħxa naqra l-weblog ta' Feltrinelli, u dan mhux biss minħabba l-kontenut tiegħu imma wkoll minħabba l-lingwa u l-lingwaġġ li juża. Il-Blog mix-Xifer huwa l-uniku spazju fuq ix-xibka fejn wieħed jista' jieħu gost jaqra xiħaġa bil-Malti. M'hemm xejn aktar bil-Malti ħlief hekk imsejjaħ portal ta' 'aħbarijiet' tan-Nazzjonalisti - maltarightnow.com - li huwa mgħobbi b'apoloġija partiġġjana, propaganda u żbalji ortografiċi.
Hawn bżonn urġenti ta' xi gazzetta kritika li toffri alternattiva għall-istampa ċentrali; jew għallinqas xi tip ta' portal li bid-dikjarar ifittex li jiskossa l-istatus quo li jinsab fil-ħafna ta' dawk fil-poter. Qiegħed niftakar li darba waħda kien hemm gazzetti bil-Malti li ...
Nostalġija għal reġim defunt
Nogħxa nara l-blog ta' Mark Vella Feltrinelli, tant li ddeċidejt li dan hu fost l-aħjar, jekk mhux *l-aqwa* blog miktub minn xiħadd Malti. Bħali, Feltrinelli huwa wieħed minn dawk tal-ġenerazzjoni tat-tmeninijiet li għadhom qed jissaraw ma' l-istorja tal-perjodu meta daħlu fl-adoloxxenza tagħhom, u wieħed minn dawk li kienu mimlija bit-tama u li llum qed janalizzaw il-preżent b'par għajnejn diżillużi. Ikolli ngħid li naqbel ma' ħafna mill-veduti tiegħu dwar din l-art ħelwa tagħna li ripetutament ġiet stuprata mill-onorevoli politikanti tagħna u issa minn ċorma individwi li kisbu poter fil-'media'.
Il-logs tiegħu li jitrattaw l-era Mintoffjana, partikolarment dak li jirrakkonta l-istorja vera ta' meta grupp ta' żeffiena Koreani ġew mgħallma jkantaw il-famuża kantaliena "Ma Tagħmlu Xejn mal-Periti Mintoff" jaqsmuk bid-daħq. Iżda l-aktar ħaġa li mpressjonatni f'dak il-log huwa t-tixbih li Feltrinelli joħroġ bih bejn Mintoff u Ceaucescu. Kont nissuspetta li dan it-tixbih - li jien ħsibt dwaru ħafna drabi - kien kollu effett tal-propaganda nazzjonalista. Iżda issa, li qed nara li miniex waħdi li naħseb hekk, u li anki Feltrinelli (li qatt ma vvota PN kif għamilt jien fl-1987), serraħt rasi li għadni ma ġejtx ikkontaminat mill-makkinarju propagandistiku nazzjonalista b'xi mod Orwelljan.
Hawn titfaċċa n-nostalġija. Xi tliet xtiewi ilu, Feltrinelli u l-bellakompanija, kienu jintefgħu Il-Ġifen, ġo qiegħ il-Belt, u, fis-sigħat bikrin ta' filgħodu, ovvjament bil-bibien magħluqin, kienu jindafru f'ritwali spontanji ta' nostalġija soċjalista. Dawn ir-ritwali kienu jinkludu fost l-oħrajn korijiet kakofoniċi ta' l-aqwa kantalieni soċjalisti u nazzjonalisti arkivjati mis-snin 80; imitazzjonijiet tal-patrijarka Mintoff; u numru kbir ta' parodiji ta' wħud mis-sentenzi li Eddie (issa magħruf bħala Edward) kien iħanġar waqt il-mass meetings mitiċi.
M'għandi l-ebda dubju li ħafna nies ta' l-eta' tiegħi li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet marru jaraw Ir-Rewwixta tal-Qassisin, tahom attakk nostalġiku wkoll. Bħal ħafa affarijiet oħra, dan il-fenomenu soċjo-psikoloġiku interessanti ħafna għadu ma ġiex analizzat lokalment. F'intervista li tajt lil Adrian Grima għal babelmed.net f'Jannar li għadda kkummentajt dwar in-nostalġija li rebħet lill-pajjiżi ex-komunisti. Waqt li kont f'Bratislava, f'Diċembru, min kien qed jospitani ħariġni ndur minn bar għal ieħor u ħadni ndur barijiet tat-tip ta' KGB u oħrajn ta' din il-qatgħa.
Ma nafx eżattament il-għala iżda propju issa jiġuni f'moħħi ftit versi miktuba mill-aqwa poeta Malti, Victor Fenech:
Ibqa' sejjer Samuraj - u narra s-seba' pesti jlaħħqu miegħek. Inħares lejn din l-art ma narax ħlief id-dell tiegħek: poplu mgħaxxex għajnejh ħġieġ, sieket jixhed seba' qmura ta' qerdiet, mutu jredden fuq rebbiegħa li falliet.
Ir-Rewwixta tal-Qassisin
Għoxrin sena ilu, meta r-reġim Soċjalista f'Malta kien qiegħed isammar l-aħħar ftit imsiemer fit-tebut tiegħu stess, il-grupp teatrali "ateatru" pproduċa d-dramm Ir-Rewwixta tal-Qassisin, ta' Alfred Buttigieg, drammaturgu li bid-deċiżjoni mgħaġġla tiegħu li jħalli l-kitba ħalla vojt kbir fit-teatru politiku f'Malta.
Marco Galea, studjuż tat-teatru, laqa' bil-ferħa ir-ritorn tad-dramm fuq il-palk tal-Manoel din il-ġimgħa. F'kumment li kiteb dwar Ir-Rewwixta tal-Qassisin, Dr Galea argumenta b'mod ċar li s-sitwazzjonijiet politiċi u soċjali attwali f'Malta huma simili ħafna għal dawk li kienu ġew attakkatti minn Alfred Buttigieg għoxrin sena ilu. Huwa minnu li ċerti affarijiet inbidlu; ngħidu aħna minn dak iż-żmien 'l hawn is-soċjalisti baqgħu fuq in-naħa ta' l-oppożizzjoni tneħħi ftit xhur daqs għaxar snin ilu, il-gazzetti m'għadhomx jirrappurtaw vjolenza politika, u Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, bħalma d-dramm jirnexxilu juri b'mod mill-aktar konvinċenti, il-poplu Malti għadu sal-lum dik il-ġgajta ġwejda li dejjem toqgħod għal dak li jgħidulha l-partiti tradizzjonali, dejjem lesta li taċċetta dak kollu li jħambqu fuqu ż-żewġ mexxejja fil-famużi omeliji monotoni li jagħmlu kull nhar ta' Ħadd.
Il-kapulavur ta' Buttigieg huwa eċċezzjoni fil-palk Malti, għaliex minkejja l-għoxrin sena li għaddew minn fuqu għadu frisk u attwali. L-ebda drammaturgu Malti ieħor ma rnexxielu jtella' fuq il-palk sitwazzjoni li għadha attwali għal-lum.
Fin-nota li kiteb fil-programm għall-produzzjoni tal-lum, Alfred Buttigieg jistaqsi mistoqsija fundamentali: kemm huwa minnu li Malta nbidlet mis-snin tmenin, meta, skond hu, "id-demokrazija f'Malta (...) għall-ewwel darba kienet mhedda"? Dak li jikteb fin-nota tiegħu donnu jwieġeb din il-mistqosija: mhux wisq. Fil-bid tas-seklu 21, l-onorevoli politikanti għadhom jgħidulna li dak kollu li jgħidu huwa tajjeb u dak li jgħidu 'l-oħrajn' huwa ħażin; għad għandna politikanti narċissisti - ħafna drabi b'arroganza żul minn hawn - li l-ħin kollu jtambru fuq rasna; għadna nirċievu messaġġi mill-gvern li għandna bżonn nissikkaw iċ-ċintorin għall-ġid ta' l-ekonomija; għadna ppolarizzati.
Ħafna mill-artisti u l-intellettwali li kibru fis-snin tmenin, bħal Buttigieg u Marco Galea, spiss jesprimu nuqqas ta' fiduċja li qatt l-affarijiet se jinbidlu. Minkejja t-tmiem ġdid tad-dramm - il-verżjoni ta' issa tagħti raġġ ta' tama - il-preżentiment ta' Buttigieg li l-istorja tibqa' tirrepeti ruħha jipprova dan li qed ngħid.
Ħadt pjaċir ninnota li numru kbir ta' studenti tal-letteratura attendew għar-rappreżentazzjoni. Sfortunatament din hija rarità oħra f'dan il-pajjiż. Meta d-dramm ittella' għall-ewwel darba dawn it-talin kienu lanqas biss twieldu u ftit li xejn jistgħu jifhmu x'jiġifieri tgħix f'pajjiż stuprat minn reġim vjolenti bħalma kien il-Partit Soċjalista ta' dak iż-żmien. Madankollu, ninsab ċert li setgħu jidentifikaw ruħhom mal-kwistjonijiet imqajma mill-koċċ seminaristi fir-reċta tagħhom dwar ir-rewwixta tal-qassisin immexxija minn Dun Gejtan Mannarino fl-1775.
L-ART TA' L-IMĦABBA U L-LIBERTA'
Illum ukoll it-Times ħarġet b'rapporti dwar is-sitwazzjoni inkwetanti li bħalissa hemm fil-barracks ta' Ħal Safi, wara l-protesti paċifiċi tal-Ħamis li spiċċaw imdemmija permezz ta' l-intervent ta' l-Armata. Ir-rapporti tal-lum jgħidu li wara l-inċidenti ta' filgħodu, numru ta' immigranti f'Ħal Safi għamlu protesta oħra li matulha, skond rapport maħruġ mill-Armata, weġġa' suldat wara li l-immigranti bdew igaraw il-ġebel.
Ikolli nammetti li dan xejn ma ssorprendieni. Il-fatturi li ġibduli l-attenzjoni kienu affarijiet li seħħew wara l-protesti u l-kummenti li għaddew xi ċittadini Maltin.
L-agħar ħaġa li ġrat kienet li l-Armata ma ħalliet lil ħadd jersaq lejn l-immigranti li nżammu l-isptar. Michele Manca de Nissa, uffiċjal għoli ta' l-UNHCR li nzerta kien Malta, ma tħalliex iżur lill-midruba. de Nissa kien ikkwotat li qal li s-suldati li kien hemm fid-daħla tas-sala MS2 fl-isptar San Luqa, ordnawlu jmur lura u qalulu li ħadd ma kien se jitħalla fis-sala. Lanqas l-avukati mqabbda mis-Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati ma tħallew ikellmu lill-klijenti tagħhom fl-isptar. Din kienet agħar minn ta' qabilha. Meta eventwalment tħallew, l-Armata ordnat lis-suldati biex jakkumpanjaw lil dawn l-avukati u jniżżlu dak kollu li ntqal bejnhom u bejn il-klijenti tagħhom. Il-mod faxxist ta' kif ġew trattati dawn l-immigranti wara li ġew imsawta jtella' fil-wiċċ tifkiriet koroh ħafna ta' imgħoddi mhux daqstant imbiegħed.
Kien hemm numru ta' organizzazzjonijiet li ħarġu stqarrijiet b'reazzjoni għall-inċidenti mdemmija ta' Ħal Safi. L-istqarrija li għaġġbitni nħarġet mill-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM). Dan il-moviment demokratiku ta' ispirazzjoni Nisranija kellu l-wiċċ i"faħħar lill-personell tal-Forzi Armati Maltin għax-xogħol siewi tagħhom u jawgura li inċidenti bħal dawn ma jiġrux frekwentement." (!!!)
It-Times ippubblikat ukoll xi reazzjonijiet ta' ċittadini Maltin. Laqatni l-aktar kumment li għamlet mart suldat li qalet li minn mindu żewġha ġie stazzjonat fil-barracks ta' Ħal Safi tinsab kontinwament inkwetata minħabba li dawn l-immigranti huma ta' theddida fuq is-suldati għax spiss isiru vjolenti u huma perikolużi.
Dan kollu jirriżulta mill-mod traskurat u ħażin kif il-Gvern Malti qiegħed jindirizza din il-kwistjoni. Wieħed ma jistax jaqbad u jitfa' mijiet ta' persuni li ħarbu mill-gwerer f'pajjiżhom, affaċċjaw il-periklu fuq il-baħar u spiċċaw mingħajr futur f'post magħluq sa ma alla jaf meta u jippretendi li jibqgħu hemm qisu qatt ma kien xejn mingħajr lanqas biss jiġu infurmati dwar is-sitwazzjoni li jinsabu fiha.
Jidher li fil-kwistjoni kollha, il-gvern ta' Malta nesa fattur sempliċi ħafna: l-immigranti huma tad-demm u l-laħam.
Confusion now hath made his masterpiece!
Macbeth, it-Tielet Xena tat-Tieni Att
Dalgħodu, it-Times (ta' Malta) ppubblikat ritratti tal-waħx ta' suldati Maltin isawtu bla ħniena immigranti li qegħdin ifittxu rifuġju li kienu qegħdin jipparteċipaw fi protesta paċifika fiċ-ċentru ta' detezjoni f'Ħal Safi fejn ilhom jinżammu għal xhur sħaħ. Ir-ritratti jitkellmu waħidhom: suldati armati għal kontra l-irvellijiet imdawra ma' immigrant iswed mitluq fl-art. Is-suldati ma jidhrux qegħdin jippruvaw iqajmu lill-immigrant mill-art. Xejn affattu. Tant hu hekk li tnejn minnhom jidhru jagħfsuh ma' l-art b'saqajhom waqt li ieħor jidher qiegħed isawtu bil-lembuba.
Nammetti li ma kinux dawn ir-ritratti li ħasduni l-aktar. Hekk jew hekk, is-suldati ta' kontra l-irvellijiet huma magħrufa għall-mod xejn kumplimentuż kif jitrattaw lin-nies. It-Times irrappurtat inċidenti oħra li seħħew fil-barracks kemm waqt u wara l-protesta, u oħrajn li seħħew fl-Isptar San Luqa fejn dawk li ġew midruba l-agħar ittieħdu għall-kura.
Ir-reporters tat-Times semgħu lil xi suldati jħeġġu lill-kollegi tagħhom li kienu fl-azzjoni biex "jifqgħu wiċċ dawk is-suwed" u biex "jagħtuhom fuq rashom".
L-immigranti kienu qegħdin jorganizzaw protesta paċifika, billi bdew ikantaw slogans favur il-liberta` u jdendlu strixxuni bla ebda kliem offensiv mar-reċint taċ-ċentru ta' detenzjoni.
Fl-Isptar San Luqa, is-suldati bdew jaħmu l-verżjoni tagħhom u jxerrduha ma' ċittadini Maltin simpatizzanti lejhom li kienu l-immigranti li bdew kollox.
It-Times irrappurtat ukoll li xi ċittadini Maltin li kienu l-isptar fil-waqt li ddaħħlu l-immigranti l-midruba, qalu li kien kollu tort ta' dawn il-barranin għax ma messhom qatt rifsu fuq din l-art ħelwa.
Agħar minhekk, persuni li jaħdmu mas-Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati ma tħallewx iżuru lil dawk l-immigranti li nżammu l-isptar.
Kif wieħed kien jistenna, l-Amnesty International, kienet pronta tipprotesta mal-Gvern Malti għal dawn l-atti barbari. Din l-organizzazzjoni internazzjonali ilha ħafna tesprimi tħassib dwar il-mod ħażin kif il-Gvern Malti qiegħed jitratta lil dawn l-immigranti; partikularment bil-politika ta' detenzjoni u bid-dewmien esaġerat biex jiġu proċessati l-applikazzjonijiet għal rifuġju.
Meta wieħed jerġa' jaqra r-rapporti tat-Times u ta' l-Amnesy, jitilgħu fil-wiċċ ċerti punti:
* is-sentiment u r-reazzjoni ġenerali għal dawn l-immigranti jikkuntrastaw bl-ikrah mal-mit ta' Malta bħala l-art li tilqa' b'dirgħajha miftuħin lil dawk li għandhom bżonn;
* mhux talli l-forzi armati mhumiex imħarrġa tajjeb biex imexxu dawn iċ-ċentri ta' detenzjoni, iżda hemm numru ta' membri tal-forzi armati li għandhom tendenzi vjolenti ħafna, u jistennew ix-xoqqa f'moxtha biex jiżvugaw il-frustrazzjonijiet tagħhom fuq l-imsejkna immigranti li, ovvjament, kuntrarju għas-suldati, mhumiex armati;
* Malta qiegħda ċċaħħad lil ċerti nies drittijiet fundamentali bħad-dritt li ssemma' leħnek u d-dritt (bażiku ħafna) għal-liberta';
* jidhirli li hija stramba ħafna li l-istess soċjeta' li tant ftaħret kemm ġabret ikel u mediċini u flus għall-vittmi taz-tsunami, tilqa' fi ħdanha elementi faxxisti li lesti li "jifqgħu wiċċ is-suwed" u mbagħad jilagħbuha tal-vittmi u ta' l-innoċenti.
Meta Tmutlek il-Qattusa

It-2 ta' Jannar 2005. 9pm
Għadni nasal mis-Slovakkja. Kont ili nivvjaġġa mit-8am: taxi mill-appartament ta' Jana għall-istazzjon tal-ferrovija ta' Vrutky; vjaġġ bil-ferrovija minn Vrutky lejn Bratislava; taxi mill-istazzjon tal-ferrovija ta' Bratislava għall-istazzjon tal-autobus; vjaġġ bl-autobus minn Bratislava lejn l-ajruport ta' Vienna; titjira numru KM513 minn Vjenna lejn il-Gudja; vjaġġ bil-karozza mill-Gudja lejn Ħal Tarxien mnejn ġbart lil Ġelsomina u soqt lejn id-dar.
Waħda mill-ewwel aħbarijiet li ħadt mingħand oħti Violetta hekk kif irfist fl-arrivals kienet li Kyra, il-qattusa ta' erba' snin ta' oħti l-oħra Carmen, mietet fl-ewwel tas-sena. Id-dettalji morbużi tal-mewt f'daqqa ta' Kyra huma dawn: oħti Carmen stiednet il-familja kollha għat-te nhar l-ewwel tas-sena (ħlief lili għax jien kont għadni msiefer).Kyra, li kienet waħda mill-aktar qtates domestiċi asoċjali li qatt rajt f'ħajti, baqgħet fil-kamra ta' ġewwa nett, 'il bogħod mill-mestednin. Oħti Violetta (dik li ġiet tiġborni mill-ajurport tal-Gudja) kienet l-aħħar waħda li telqet. Filwaqt li kien mingħaliha li telaq kulħadd minħabba s-skiet li waqa', Kyra ħarġet minn fejn kienet, imxiet lejn il-bieb ta' barra fejn ħuti kienu għadhom jagħmlu l-aħħar parti tad-diskursata. Kyra ssorprendiet lil kulħadd għax mhux soltu toħroġ. Kyra tieħu gost titmelles. Kyra timxi lura fid-direzzjoni mnejn ħarġet. Violetta tagħti l-aħħar xewqat sbieħ għas-sena l-ġdida eżatt ħdejn il-bieb ta' barra u titlaq. Carmen timxi lura lejn il-kċina u tilmaħ lil Kyra mitluqa f'nofs il-kuridur, b'għajejha ħodor jixegħlu, bla titħarrek. Mill-ewwel intebħet li Kyra kienet mejta. Attakk tal-qalb papali. Hekk qiegħed jaħseb kulħadd.
Requiescant in Pacem, Kyra.
M'hemmx għalfejn ngħidu li l-familja ta' oħti Carmen tinsab f'luttu.
Ktibt dal-post dwar Kyra għax il-mewt tagħha ġegħlitni ndur lura lejn vizzju antik tiegħi: noqgħod naħseb fuq il-mewt propju nhar l-Ewwel tas-Sena. Il-lista ta' ħbieb u nies li kont nafhom li mietu matul l-2004 hija twila ħafna sfortunatament. U waqt li nħares 'il quddiem lejn l-2005 nitħasseb dwar min se jmissu jitlaq l-ewwel. M'għandniex xi ngħidu għandi l-beżgħat privati tiegħi f'dan ir-rigward. Terġa', f'moħħi għad għandi jduru x-xeni tal-waħx tat-Tsunami li qered tant ħajjiet fin-Nofsinhar ta' l-Asja. Tal-waħx. Dawk ix-xeni jfakkruna li wara kollox il-bniedem mhuwiex is-sid tad-Dinja.
Kamra nru 336
Kollox sew, iddeċidejt li nżomm kelmti u nitfa' post ieħor dwar il-miġja fi Brussell.
Il-konferenza madwar il-mejda kienet esperjenza tajba. Kien hemm kittieba, ġurnalisti u kritiċi letterarji mill-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, il-Litwanja, il-Latvja, il-Polonja, is-Slovakkja, iċ-Ċeka, u l-Ungerija. Iddiskutejna flimkien liema pass għandu jittieħed biex nikkonsolidaw id-dimensjoni kulturali ta' l-Ewropa magħquda. Il-konferenza, iżda, ikkonfermatli l-immpressjoni li nieħu kull darba li kittieba minn pajjiżi differeni ta' l-UE jiltaqgħu biex jiddiskutu: dejjem iridu jiddiskutu n-nuqqas ta' għaqda fl-UE. L-aktar punt jaħraq fid-dibattitu kien dak imqajjem mill-kelliema mill-pajjiżi ex-Komunisti, tal-qasma bejn il-Punent u l-Lvant. Kien hemm din it-traduttriċi/pubblikatriċi Pollakka li damet tħambaq siegħa sħiħa dwar il-proċessi li dawk tal-Punent jattwaw biex jittrasformaw lil dawk tal-Lvant. Mill-banda l-oħra, akkademiku Olandiż li kien qiegħed ukoll jippresiedi l-konferenza, innota li hemm ħafna aktar kittieba kontemporanji mil-Lvant tradotti fil-lingwi tal-Punent milli viċi-versa. Din hija l-impressjoni tiegħi ukoll. Madankollu, l-aktar ħaġa li laqtitni kienet li - bħas-soltu - il-qasma bejn il-Lvant u l-Punent dejjem tiġi diskussa, filwaqt li dik bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar qatt ma tiġi diskussa. F'termini prattiċi, Malta u Ċipru qatt ma jissemmew. U dan, għalija, huwa ta' diżappunt kbir ovvjament; fis-sens li jien naf x'qed jinkiteb fil-Polonja, iżda l-Pollakki kemm jafu x'qed niktbu aħna u ċ-Ċiprijotti?
Naturalment, il-buzz word hija 'traduzzjoni'. Ħafna mill-Punent iħossu - u m'għandix dubju mill-ġenwinita' tagħhom - l-ħtieġa li jsiru jafu aktar il-letteratura ta' l-Ewropa kollha. Ġaladarba hemm numru kbir ta' lingwi użati mill-Ewropej, jeħtieġ sforz organizzat biex jiġu maħluqa possibilitajiet ħalli l-letteraturi inqas magħrufa jiġu tradotti.
Imma kollox ma' kollox, kif diġa' għidt, il-konferenza kienet tajba. Nittama biss li issa li għaddiet isir xiħaġa. Kellna ċena tajba fil-kantina tal-bini fejn taħdem il-Vlaams-Nederlands Huis, li kienet imżejna b'remiżolji miġjuba minn xi teatru biex joħolqu ċertu effett. Qgħadt fuq l-istess mejda mal-kittieb Olandiż Maarten Ascher - bniedem kbir kapaċi jagħmel il-lejla isbaħ għal kulħadd - kittieb Ċek li sfortunatament diġa' insejt x'jismu (u li tani verżjoni kurjuża ħafna tal-bomba li waqgħet fuq il-knisja tal-Mosta ... iżda aħjar nagħlaqlu) u oħrajn.
Dak kollox. Jew kważi.
Il-bieraħ, il-ħabib u pubblikatur tiegħi Mark Vella (jew kif inħobb insejjaħlu jien Feltrinelli) qabad ferrovija lejn Brussell mil-Lussimburgu fejn qiegħed jgħix bħalissa, biex jarani. M'hemmx għalfejn ngħidu ltqajna l-Grande Place. F'nofsinhar. Kien hemm kesħa fina. Ħadni (u qiegħed ngħid ħadni għax Feltrinelli issa sar benestant u allura jiflaħ iħallas hu) il-Pizza Hut. Iż-żigg ta' Pizza Hut!! Imma insomma hemm kien l-orħos. Tkellimna fuq dik l-art ħelwa ... is-soltu tgemgim, diżappunti u kliem fil-vojt. Filgħaxija, imbagħad, iltqaljna ma' Arnold, is-segretarju ġenerali tal-Ħodor Ewropej, li għamel minn kollox biex idawwarni mal-Parlament Ewropew. Qatt ma naf li dħalt f'bini hekk ikrah u monotonu f'ħajti.
Tista' taħseb, ikrah aktar mill-Junior College! Insomma, forsi mhux daqs il-Junior College, imma jie allerġiku għall-kuriduri tal-poter.
Imbagħad kilna fi trattorija Sqallija.
U wara l-ikla Feltrinelli qabad ferrovija lura lejn il-Lussimburgu, Arnold telaq id-dar, u jien spiċċajt f'kamra 336 tal-Metropole. Bqajt naqra sa tard ħafna billejl. Il-bieraħ qomt kmieni ħafna u qbadt ferrovija bi żball. Din hija t-tieni darba li ġratli f'temp ta' sitt xhur. F'Ġunju li għadda kont is-Slovakkja u qbadt il-ferrovija għall-Ukrajna minflok dik għal Bratislava! Dan kollu jfakkarni li daqt nagħlaq l-erbgħin. Ġrawli xi affarijiet oħra waqt il-mawra lejn Brussell: xtrajt ktieb mill-ajruport tal-Gudja u ħallejtu warajja f'dak ta' Malpensa; tlift katina tal-fidda li tawna l-assoċjazzjoni tal-kittieba Passaporta (fil-Belġju); tlift rigal li xtrajt lil Jana; u poġġejt fuq il-pultruna żbaljata fuq l-ajruplan minn Brussell għal Malpensa u għamilt l-istess fuq it-titjira minn Malpensa għall-Gudja.
Tassew qiegħed nixjieħ!
Ħaġa oħra li tassew laqtitni: kulħadd jaf kemm nibża' mill-ajruplan. Minkejja d-diversi vjaġġi li nagħmel fis-sena, il-biża' mill-ajruplan baqa' kbir wisq. Madankollu, it-titjira tal-bieraħ minn fuq l-Alpi bejn Brussell u Malpensa kienet epifanija, esperjenza li tgħaddi minnha darba biss f'ħajtek. Xi ġmiel! Saħansitra qbadt lili nnifsi nixtieq li t-titjira ma tieħu aktar!
Iżda issa ninsab lura lejn il-Blata u daqshekk kamra numru 336.
Brrrrrrrussell
Qed nikteb dal-post mill-Hotel Metropole fi Brussell. Barra hemm kesħa xxoqqok. Wasalt tard wara nofsinhar u wara li dħalt fil-lukanda mort dritt lejn il-Grande Place fejn l-ispirtu tal-Milied diġa' qiegħed fl-aqwa tiegħu. Qiegħed hawn fuq stedina għal konferenza madwar mejda organizzata mill-Vlaams-Nederlands Huis fl-okkażjoni ta' l-għeluq tal-presidenza Olandiża ta' l-UE. Għada l-parteċipanti se iddiskutu x'se jkun il-'pass li jmiss' li l-pajjiżi tagħna għadhom jieħdu biex jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom fl-UE mill-aspett kulturali.
Għada għandi mnejn nikteb xiħaġa hawnhekk dwar il-konferenza...dejjem jekk ikolli aptit. Għalissa ninsab kuntent li qiegħed hawn, fil-kapitali ta' l-Ewropa (hekk iħabbru fl-armaturi l-ħwienet li jbigħu s-suvinirs ta' l-UE).
Jien u nippassiġġa fil-Grande Place ħassejtni qiegħed f'ħolma. Kont qisni qiegħed niskava l-memorji tal-passat meta kont għadni tifel u kont nispiċċa mmeżmerizzat bil-kartolini tal-Milied bi stampi ta' Milidijiet Bojod f'xi art barranija li kienet tidher tant sabiħa anki jekk aljena. Naturalment dawn il-kartolini ma kienu xejn għajr il-wirt kolonjali li sal-ġurnata mqaddsa tal-lum għadna ma ħlisniex minnu. Stramba li nies li jgħixu fi gżira Mediterrenja jibagħtu lil xulxin kartolini tal-Milied biċ-ċriev, bl-għoljiet miksija bil-borra jew b'xi għorfa f'nofs ta' bosk. Hekk għadna nagħmlu sal-lum. Tgħid l-Awstraljani x'jagħmlu?
Sar il-ħin. Naħseb aħjar nieħu banju sħun u norqod.
Għat-Teatru!
Dan pajjiżi ma jixba' qatt jaffaxxinani. Aktar minn sittin sena ilu kien assedjat (u kif inħobbu ngħidu aħna baqa' ma ntrebaħx) mill-ajruplani Faxxisti u Nazisti. Waqt wieħed mill-attakki mill-ajru, it-teatru rjal (tarahx bini sabiħ jew le jiddependi mill-gosti arkitettoniċi tiegħek), fid-daħla tal-belt kapitali, spiċċa mġarraf.
Sittin sena wara, il-bini għadu mġarraf! (Dan pajjiż fqir u ma jiflaħx jibni teatru ieħor għall-opra.)
Meta n-Nazzjonalisti reġgħu telgħu fil-gvern wara nagħsa ta' sittax-il sena fuq il-bankijiet ta' l-oppożizzjoni, ħarġu bil-qawwa kollha jwiegħdu li se jsebbħu lill-pajjiż. U ngħidu kif inhi, il-pajjiż kellu l-bżonn. L-ewwel objettiv kien il-belt kapitali, iddikjarata Sit ta' Wirt Dinji mill-UNESCO fl-1980. Kien hemm ħafna proġetti ippjanati, ruxxmata rapporti u kompetizzjonijiet għall-aħjar disinn. Tant kien hemm minn dawn li jinħtieġ storjografu full time biex forsi nieħdu stampa ċara tal-kobba għanqbuta ta' proposti u kontro-proposti għat-tisbiħ tal-kapitali u b'mod partikulari għad-daħla tal-Belt. Ġaladarba jien miniex storjografu miniex se nipprova nagħti rendikont ta' dan kollu jien. Ikun biżżejjed li nsemmi li kien hemm żmien meta anki l-arkitett ta' fama dinjija Renzo Piano daħal fl-istorja.
Fil-lejl tal-Millennju l-Kapitali kitbet faċċata oħra fl-istorja twila tagħha: dakinhar infetaħ uffiċjalment Iċ-Ċentru għall-Kreattivita' tal-Kavallier ta' San Ġakbu (titlu ftit barokk naf, imma tipiku Malti). Dan iċ-ċentru jinsab f'bini li kien ittella' mill-Kavallieri ta' San Ġwann lura fis-seklu sittax, u oriġinarjament kellu funzjoni militari. Qabel ma ġie rrestawrat l-istess bini kien jilqa' fih l-istamperija tal-gvern.
Il-Proġett tal-Millennju - kif kien imsejjaħ - kellu jinkorpora fih il-bini ta' teatru ta' l-opra ġdid fis-sit li kien twaqqa' mill-ajruplani ta' l-għadu. Madankollu, ma kien hemm l-ebda qbil milħuq jekk dan it-teatru ta' l-opra kellux jinbena fuq l-istess disinn tas-sit oriġinali, jew jekk kellux ikun disinn differenti. Il-punt kardinali hu li dak is-sit ikrah kien iddestinat li jkollu fuqu bini ta' teatru ta' l-opra.
Imbagħad għal numru ta' snin intesa kollox.
Sal-bieraħ!
Il-bieraħ filgħodu, it-Times irrappurtat li waqt kolazzjon man-negozjanti l-kbar ta' Malta, Jesmond Mugliett (li sa ftit taż-żmien ilu kien jokkupa l-kariga ta' ministru tal-Kultura, u issa ministru għall-Iżvilupp Urban) ħabbar li s-sit, wara kollox, mhuwiex se jkollu mibni fuqu teatru għall-opra iżda ... ma titwemminx ... parlament ġdid!! Ir-raġunament onorevoli ta' l-onorevoli ministru jgħid hekk: it-teatri jqumu aktar mill-parlamenti.
Għax bilħaqq, dan pajjiż fqir - issa - u ma jiflaħx jibni teatru ġdid.
Mela, fit-tieni gwerra dinjija, kienet il-Luftwaffe li rvinatilna t-teatru. Fis-seklu l-ġdid għamel l-istess il-Gvern. It-teatru ta' l-opra ġġarraf għat-tieni darba. Tifhimha li l-Luftwaffe tixħet il-boombi biex tkisser pajjiż, wara kollox konna fi gwerra kontriehom. Imma li jkollok ministru tal-gvern tiegħek - u biex tagħqad ex-ministru tal-KULTURA - u jiddikjaralek gwerra fuq l-arti tal-pajjiż ... x'naqbad insejħilha din?
Kollox sew, nifhem li l-illustri membri tal-parlament tagħna jeħtieġu sit ġdid fejn jiltaqgħu biex jgħaddu l-ħin jilagħbu tal-klieb u l-qtates. Iżda għala propju f'dak is-sit? Ma jistgħux, ngħidu aħna, jibnu kamra tar-rappreżentanti xi mkien lejn il-Magħtab? Tgħidx kemm hemm veduti sbieħ tal-baħar hemmhekk.
Pizza Bajda
Qattajt tmiem il-ġimgħa naħmi l-pizza bajda.
Is-Sibt filgħodu qomt u ppjanajt li nagħmel miljun ħaġa. Dejjem hekk nagħmel fi tmiem il-ġimgħa. Mhux għax inbati wisq matul il-ġimgħa. Il-ġranet inqattagħhom nagħmel dak li ili nagħmel għal dawn l-aħħar għaxar snin: inpaċpaċ dwar il-letteratura bil-Malti ma' żgħażagħ li wisq probabbli ma jinteressahom xejn. Insomma, b'xi mod irrid naqla' l-ħobża ta' kuljum. Miniex it-tip li nistenna bil-ħrara tmiem il-ġimgħa għax wasalt f'punt fejn m'hemmx differenza bejn il-ġranet, ħlief li fi tmiem il-ġimgħa nista' noqgħod waħdi. Is-solitudni ta' tmiem il-ġimgħa ma nibdilha ma' xejn. Ġieli naħseb li nbati minn xi fobija soċjali, iżda mhuwiex il-każ. Sempliċiment jien bniedem ta' għalih waħdu: inħobb is-solitdni u b'xorti tajba nħobb lili nnifsi. Il-kamra tiegħi hija ġenna żgħira: il-mijiet ta' kotba u cds, Kornelju, l-inkwatri ta' mal-ħajt ... ġenna. U tneħħi l-mużika ta' fuq l-istereo ma nismax ħoss.
Is-Sibt filgħaxija wkoll ngħaddih tajjeb. Naturalment jidlam, u d-dawl tax-xemgħa f'kamarti u fil-kamra ta' barra jagħtini sensazzjoni tajba. L-unika ħaġa li nixtieq u li m'hawnx bħalissa hija ftit tal-kesħa. It-temperatura għadha 30C minkejja li qegħdin f'Ottubru!
Issa li għalaqt is-37 għandi biżżejjed memorji biex ngħaddi l-ħin. Il-bieraħ filgħaxija kont qiegħed naħseb fuq il-mawra tiegħi fl-Ungerija fl-1992, vjaġġ li sa ċertu punt fetaħli l-bibien għall-Ewropa tal-Lvant. Qgħadt naħseb ukoll dwar ħabib tiegħi li llum jgħix barra li kien joqgħod f'dar jisimha Tincliff.
Intbaħt, imbagħad, li tmiem il-ġimgħa kien għadda.
Nema Jugoslavia!
Hemm dal-baħnan jismu Ivan, mitluf f'labirint sotterran xi mkien taħt wiċċ id-dinja. Ħin minnhom jitlaqa' ma' suldat u jistaqsih liema hi t-triq lejn il-Jugoslavja u s-suldat iwieġbu: Nema Jugoslavia! Għaċ-ċittadini fl-ex-Jugoslavja li kienu ddikjaraw irwieħhom bħala Jugoslavi, dan il-vers mill-film kbir ta' Emir Kusturica Underground kien l-aktar wieħed kattiv u l-aktar wieħed veru.
Il-Juvoslavja m'għadhiex teżisti. Kuntrarju għall-istorja taċ-Ċekoslovakkja (nazzjoni ieħor li m'għadux magħna), is-siparju fuq il-Jugoslavja ngħalaq bl-aktar mod traġiku u tal-misħija. M'hemmx għalfejn nerġgħu naraw l-istorja għax naħseb li issa rrealizzajt li hemm aktar minn storja waħda u aktara ma tisma' stejjer aktar tispiċċa konfuż, meta tikkunsidra li l-interpretazzjoni tinbidel skond in-narratur.
Dan is-sajf żort żewġ repubbliki ex-Jugoslalvi: il-Kroazja u s-Slovenja. Din ta' l-aħħar qiegħda titqies bħala l-aktar nazzjon interessanti u dinamiku li ssieħeb fl-UE f'Mejju li għadda u x'aktarx li s-Slovenja diġa' għarfet tidfen il-memorji ta' l-era preċedenti tagħha. X'aktarx. Imxejt diversi drabi tul Trubarjeva Cesta - it-triq li tieħdok fil-qalba ta' Ljubljana - u mal-ħitan stajt nara ħafna graffiti b'tifħir lil Tito u b'disprezz lill-UE imlaqqma bħala sistema kapitalista u dittatorjali. Iżda wieħed faċilment jista' jinterpreta dan bħala nostalġija komunista, fenomenu psiko-soċjali li qiegħed jifjorixxi fil-pajjiżi ex-Komunisti kollha. Rari jinqala' kliem fuq in-nazzjon il-mejjet. Wara kollox, is-Sloveni ma ġġildux gwerer tneħħi battalja ta' għaxart ijiem li minnha ħarġu rebbiħin. U issa, terġa' u tgħid, issieħbu fl-UE.
L-istorja tal-Kroati hija totalment differenti. Jekk id-diskors idur fuq il-gwerra, se tispiċċa tisma' ħafna stejjer mimlija mibgħeda. Lis-Serbi jobogħduhom għal 'dak li għamlulna.' Ħaġa li tolqotni profondament hija li fi kwanlunkwe storja li jirrakkuntawlek, il-Kroati qatt ma jammettu li wettqu xi ħaġa ħażina. Naturalment qiegħed niġġeneralizza. Ovvjament qiegħed nikteb l-impressjonijiet personali tiegħi. U hija wkoll ħaġa ovvja li mhux il-Kroati kollha huma ta' dan it-tip. Ngħidu aħna Slavenka Drakulic. Fl-aħħar ktieb tagħha, And They Would Never Hurt a Fly, Drakulic tanalizza l-psike ta' dawk responsabbli għat-traġedja Jugoslava u li bħalissa għaddejin ġuri fl-ICTY. Fost il-bojja kien hemm ukoll Kroati, u Slavenka tikteb dwar dawn ukoll. Xi Kroati ma jaħmluhiex lil Slavenka u saħasitra jikkunsidrawha bħala traditur ta' pajjiżha.
Waqt konferenza li saret f'raħal Kroat, kont qiegħed naqsam il-kamra ma' Kroat, ġuvni inteliġentissmu xi ftit tas-snin iżgħar minni. Għex il-gwerra u kien inġabar bil-lieva wkoll. Billi kont naf li għadu moħħu miftuħ u ma kellux tendenzi nazzjonaliti, lejla minnhom staqsejtu x'kien li wassal għal dak li ġara f'Mostar. Kien propju dakinhar li l-pont leġġendarju ta' Mostar reġa' ġie inawgurat. Quddiemi rajt wiċċ bla espressjoni u l-unika tweġiba li tani dan il-ġuvni Kroat kienet: "m'għandix idea."
Waqt li qed nikteb dan, il-poplu tal-Bosnja Herzegovina qiegħed jivvota biex jeleġġi l-gvernijiet muniċipali, fl-ewwel elezzjonijiet lokali organizzati mill-awtoritajiet Bosnijaċi minn tmiem il-gwerra fl-1995. Il-bieraħ, iżda, il-BBC irrapporta inċident ikrah. Mijiet ta' Serbi Bosnijaċi żammew nisa Musulmani meta dawn kienu se jpoġġu plakka kommemorattiva ma' bini li matul il-gwerra kien jintuża bħala kamp għall-istupri. Kellha tintervjeni l-pulizija ta' kontra l-irvellijiet meta xi mitejn Serb tal-Bosnja bdew igaraw bajd u ġebel u in-nisa Musulmani. Dawn in-nisa, li wħud minnhom kienu vittmi ta' stupru waqt il-gwerra, kellhom ipoġġu l-plakka xi mkien ieħor. Din l-istorja hija telfa simbolika oħra għall-Bosnijaċi.
Qed nikteb dan b'diqa kbira, iżda fl-istess ħin infakkar lili nnifsi fil-ktieb ta' Svetlana Broz Good People in Evil Time. Svetlana Broz, waħda min-neputijiet ta' Josip Broz Tito, tagħmel ħafna attivitajiet, fosthom tippresiedi l-fergħa tal-Gardens of the Righteous Worldwide f'Sarajevo. Fil-ktieb tagħha tirriproduċi numru ta' intervisti verbatim ma' Serbi, Kroati u Bosnijaċi li fl-eqqel tal-'kunflitt etniku' li ġennen lill-Jugoslavja, kienu megħjuna mill-'għedewwa' tagħhom. Dawn l-intervisti juru li l-kunflitti etniċi ma kinux fenomenu popolari. Dawn ir-rakkonti, uħud minnhom iqanqluk u oħrajn drammatiċi, huma xiehda li jagħtu lill-qarrej raġġ ta' tama li mhux il-bnedmin kollha huma ħżiena.
Iżda xorta waħda, nhar il-Ħamis li għadda, nisa Musulmani ġew attakkati bil-bajd u l-ġebel talli ppruvaw iżommu l-istorja tagħhom ħajja.
Niftakar f'Sarajevo

F'Mejju li għadda ħareġ l-aktar film reċenti ta' Emir Kusturica, film li huwa ħafna aktar minn ħarsa lejn il-gwerra fil-Bosnja. Kusturica, li twieled f'Sarajevo fl-1954, huwa l-poeta miġnun pereċċellenza u jipproġetta l-ġmiel li jara fl-isfond tat-traġedja li n-nazzjon illum mejjet tiegħu għadda minnha għaxar snin ilu. Fil-films ta' Kusturica - partikolarment f'dan l-aħħar wieħed - it-traġedja tarpeġġja mal-komiku u l-ironija tirrenja fuq kollox. Skond Kusturica, it-traġedja Jugoslava ma kinitx marbuta ma' kunflitti reliġjużi daqskemm mal-qawmien tas-sistema kapitalista f'pajjiż li darba kien komunist. Il-kwistjonji li qajmet il-gwerra, jgħid Kusturica f'intervista li saritlu riċentament kienet tikkonċentra fuq min kien se jmexxi l-pajjiż: hux xi entita' multinazzjonali kbira jew xi miġnun lokali. Ir-reliġjon u l-kunflitti etniċi, dejjem skond Kusturica, kienu biss l-quċċata ta' l-iceberg.
L-għaxar kmandamenti ta' Kieslowski minn wara l-Ħajt
Hemm kotba u films li, għal xi raġuni jew oħra, "jibdlulek ħajtek". Insomma, ma ngħidx li jibdluhielek iżda definittivament iħallu marka u, forsi, imexxuk biex tibdilha. Qabel għalaqt is-sittax qatt ma qbadt ktieb f'idi, iżda fl-ewwel sena tiegħi l-Liceo, fejn studjajt il-Malti, l-Ingliż u l-Filosofija, kelli naqra l-ktieb ta' Sigmund Freud L-Interpretazzjoni tal-Ħolm, ktieb li dak iż-żmien qistu daqshiex. L-effett li kellu fuqi kien wieħed li bidilna f'qarrej voraċi, bidla li seħħet f'daqqa u b'mod kważi awtomatiku.
Madankollu, li kelli nislet sors li seta' bidilli ħajti nagħżel il-preżentazzjoni ċinematografika ta' Alan Parker ta' Il-Ħajt tal-Pink Floyd. Dal-film rajtu l-ewwel darba ftit ġranet wara li dħalt il-Liceo: kelli sittax u bażikament ma kelli l-ebda idea ta' min kont u 'l fejn kienet sejra ħajti. Kien perjodu li segwa s-sajf ta' l-inizjazzjoni tiegħi: xorb, iljieli barra, sess u l-konoxxenza tad-dinja s-sewda u l-abitanti tagħha. Il-Ħajt tal-Pink Floyd kont nafu bl-amment; kont saħansitra qlibt għall-Malti "Another Brick in the Wall" - dak l-innu studentesk tas-snin tmenin - li konna nkantawh fil-private aħna u nirritornaw lejn id-dar meta kellna xi tnax jew tlettax-il sena. Iżda x-xbihat projettati fil-film ta' Parker bidluli l-viżjoni li kelli ta' Il-Ħajt, minn waħda li kienet tqisu bħala sett ta' lirika u riffs tajbin, għal waħda li ġegħlitni nħares lejh bħala analiżi serja tad-dinja ta' madwari. Kont mort nara l-film waħdi, darba waħda wara nofs inhar f'Settembru 1983, f'sala taċ-ċinema kważi vojta f'teatru l-Belt li llum m'għadux jeżisti, u mort lura d-dar impressjonat. Bażikament, l-ewwel ħaġa li tefgħetni naħseb kien il-fatt li bħal Pink, jien kont it-tifel ta' veteran tat-Tieni Gwerra Dinjija, onorat għas-servizz u l-kuraġġ. Għall-kuntrarju ta' missier Pink, iżda, missieri ma kienx miet fl-azzjoni...iżda kważi. Bħal Pink, ta' spiss kont inqatta' mumenti twal niċċassa lejn il-midalji tal-pa li kienu mdendla eżatt malli tidħol fl-intrata tad-dar żgħira li konna noqogħdu fiha ( u li llum iwritthom u dendilthom fis-salott ta' l-appartament fejn ngħix). Bħal Pink kont nistaqsi lili nnifsi għadx insir replika ta' missieri, ħaġa li qatt ma rnexxieli nagħmel minħabba li psikoloġikament kont imbiegħed ħafna minnu, anki jekk dejjem qistu l-eroj tiegħi. Bħal Pink, jien kont it-tifel tal-mamà. Niftakar li l-film tant kien ikkomovieni, li jien u sejjer lura d-dar xtrajt iċ-ċikkulata lil ommi u lil missieri, imbagħad tlajt f'soddti nibki!
Qed nitkellmu fuq għoxrin sena ilu, u minn dakinhar inbidlu ħafna affarijiet: ommi ħallietna, missieri qiegħed isofri t-tbatijiet tax-xjuħija, u kien hemm ħajt li twaqqa'. Ftit tal-ġranet ilu xtrajt il-verżjoni live ta' Il-Ħajt, ippreżentata f'Lulju 1990 f'Potzdamer Platz, ftit wara li sparixxa l-ħajt notorju ta' Berlin. Il-memorji ġew jiġru lura: xbihat u xenetti f'forma analettika; xbihat tal-ħajt jitwaqqa' fl-1989, xbihat ta' era u dinja li oħra. U s-sensiela ta' avvenimenti li ġew qabel u wara l-waqgħa tal-ħajt.
U dan kollu bis-saħħa ta' film
Aktar tard, kelli inkontru sinifikanti ieħor: Krzysztof Kieslowski b' Il-Ħajja Doppja ta' Veronika, li mmotivani nibda esplorazzjoni assidwa tax-xogħol ta' dan ir-reġista Pollakk. Iżda kien Id-Dekalogu, li sewa ta' avveniment importanti f'ħajti; mhux għall-plots daqskemm għall-ambjent skwallidu li l-kamera tintroduċi lil min qiegħed jara: il-monotonija, ix-xeni diżmali ta' post li tħossu jwerżaqlek f'wiċċek, il-kannella, il-griż! Il-films Pollakki ta' Kieslowski servewni ta' anteprima għal dak li kelli nara fin-naħa ta' barra ta' Praga, f'Brno, f'Varsavja (ovvjament!), u anki fil-partijiet mhux daqstant romantiċi ta' Pariġi, bħad-distrett Ċiniż.
Email mingħand ġurnalist
Ġurnalist ieħor jitlobni intervista rigward id-dħul fl-Unjoni Ewropea ta' din l-art ħelwa. Se nibda nemmen li fil-fatt
Fl-email tiegħu, il-ġurnalist Taljan li jaħdem għar-radju Svizzeru RTSI talabni nikkummenta dwar "ir-realtà tal-belt ta' Paceville, il-kuntradizzjonijiet tagħha fir-rigward ta' l-istorja u l-preżent." Kollox sew, ħsibt, din taf tkun okkazjoni.
Paceville, għal dawk li ma jafu xejn dwaru, huwa l-belt kapitali tad-divertimenti f'Malta, b'ruxxmata pubs, diskoteki (jew kif inhuma msejħa llum il-ġurnata, clubs), swali taċ-ċinema, pizzeriji, ristoranti u x'naf jien, li, fi tmiem il-ġimgħa, tilqa' eluf ta' żgħażagħ u nies mhux daqshekk żgħażagħ, li jmorru hemm bit-tir li jinsew id-dwejjaq tal-kumplament tal-ġimgħa. E, għax kont għoddni nsejt, hemm ukoll Knisja-Ċentru Kattoliku intiż biex jilqa' fih żgħażagħ li qegħdin ifittxu l-ispirtu qalb dak l-istorbju kollu … bħallikieku l-Knisja Kattolika, li tant qiegħda taħdem biex tirreżisti l-mewt tagħha, kienet se tabdika
M'għandi l-ebda ħjiel meta Paceville sar il-kapitali tad-divertiment. Jien nafu
Ximindaqqiet iżuruh żewġ klassijiet ta' nies opposti għal xulxin: il-kittieba u l-politiċi. Dawn ta' l-aħħar jagħmlu appuntament ma' Paceville waqt xi kampanja elettorali, għax huwa importanti li darba f'mitt qamar jiskopru d-dinja żagħżugħa u jagħmlu li jistgħu biex idabbru xi ftit mijiet ta' voti. Il-kittieba, min-naħa tagħhom, dawru lil Paceville f'paradimma li tagħti ħafna frott. Jien indfart f'dan, u l-istess għamel Joseph, sive Ġużè Stagno u anki l-anzjan Frans Sammut u xiħadd iehor li bħalissa ma nistax niftakar ismu. Issa, milli jidher, anki l-ġurnalisti Ewropej qed jinġibdu lejn dal-post.
Paceville huwa paradimma fl-aħħar mill-aħħar għax joffri numru kbir ta' opportunitajiet għal studji dwar x'qiegħed jiġri fuq dil-gżira. Wara kollox mhumiex biss il-każini tal-banda, il-purċissjonijiet reliġjużi, id-drammi tal-passjoni fi żmien ir-randan, l-attivitajiet intiżi biex jinġabru l-flejjes għall-imsejkna partiti politiċi foqra li hawn u ħwejjeġ ta' dan it-tip li jsawru l-mappa kulturali ta' dil-gżira. Hemm ukoll il-belt ta' Paceville u ċ-ċittadini tagħha.
Sa ċertu punt, Paceville huwa mikrokożmu tas-soċjetà Maltija. Xi nħawi huma ffrekwentati mit-teenagers, oħrajn
Għandi mnejn inżur Paceville dalwaqt bis-saħħa tal-ġurnalist Taljan. M'għandix dubju li se jitlagħli ġismi xewk xewk għax Paceville qatt ma kien favorit tiegħi. Forsi għax jien wisq imkabbar biex noqgħod nitlajja f'din il-belt tad-divertiment.
Tgħid Malta daqshekk differenti?
Xi ġimgħat ilu kelli intervista ma’ ġurnalist mir-rivista Franċiża L’Express, li bħalissa qiegħda għaddejja b’serje ta’ intervisti ma’ kittieba mill-pajjiżi membri l-ġodda ta’ l-UE. Fost il-ħafna suġġetti li ddiskutejna, il-ġurnalist deher parikolarment interessat fil-karattru Mediterranju tal-gżejjer Maltin.
Il-paradimma tal-Mediterran jidher li qiegħda tiġbed l-attenzjoni mhux biss tal-ġurnalisti iżda wkoll ta’ dawk in-nies interessati li qegħdin jiffukaw ħarsithom fuq l-iżgħar pajjiż membru ta’ l-UE wara 1 ta’ Mejju 2004. Lili din il-paradimma tassew tikkonfondini għaliex tistenna li pajjiż fil-Mediterran ikun differenti ħafna, anzi distinti, mill-kumplament tal-pajjiżi Ewropej li jinsabu f’naħat oħra tal-kontinent.
Liema huma, jew liema għandhom ikunu dawn id-differenzi, onestament ma nafx. U aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar din id-distinzjoni tiċċajpar.
Hemm ħafna klixejiet madwar il-pajjiżi tal-Mediterran. Xi wħud jgħidu li huma tant “colourful” … min jaf xi jfisser dan! Oħrajn jgħidu li l-Mediterran huwa reġjun ibaqbaq bil-passjoni u l-emozzjoni. Oħrajn jarawh bħala reġjun problematiku ġaladarba fih jiltaqgħu t-tliet reliġjonijiet monoteistiċi ewlenin. U ssib oħrajn li jgħidu li hemm ċerta maġija ddawwar il-Mediterran, x’aktarx minħabba ċ-ċiviltajiet antikissmi li oriġinaw fih.
Hu kemm hu veru dan kollu, wieħed ma jistax ikun daqshekk kategoriku. Il-kulur jinsab f’kull parti tad-dinja, anki fl-aktar inħawi ċassi mimlija borra tal-kontinent. Il-passjoni, kif naraha jien, hija karatteristika bażika fil-bnedmin li tista’ tintwera b’modi differenti, iżda dejjem qiegħda hemm. U, jekk il-Mediteran huwa l-lok fejn jiltaqgħu tliet reliġjonijiet monoteistiċi (kif fil-fatt hu) hemm partijiet oħra fl-Ewropa fejn jiltaqgħu reliġjonijiet oħra. Wieħed ma jistax jinsa pereżempju l-Bosnja Herzegovina fejn żewġ fergħat tal-Kristjaneżmu jiltaqgħu u jinterċettaw l-Islam.
Jien u nivjaġġa fis-Slovakkja aktar kmieni din is-sena, ma stajtx ma ninnutax kemm il-ħajja f’dan il-pajjiż hija ‘insulari’ minkejja li din hija art li m’għandhiex qatra waħda baħar tmiss magħha. Żewġ Sibtijiet f’wieħed mill-ħwienet tax-xorb f’subborg ta’ Bratislava kienu biżżejjed biex nilmaħ il-karattru ferrieħi, festeġġjanti u ikkulurit tan-nies tal-lokal. L-istess ħaġa rajtha meta kont Sarajevo u anki fir-raħal Pollakk ta’ Kazimierz Dolny.
Biss, jekk wieħed irid ikun mikroskopiku fl-analiżi tiegħu, id-daqs jista’ fil-fatt jagħmel differenza. Malta hija tant żgħira li tista’ tħares lejn it-truf minn kważi kull naħa tagħha. U dan għandu effett ovvju fuq il-perspettiva tad-distanza. M’għandniex xi ngħidu, bħal bosta affarijiet oħra fil-ħajja, id-distanza hija relattiva. Vjaġġ ta’ siegħa min-naħa t’isfel ta’ Malta għat-tarf ta’ fuq nett jinħass ħafna itwal minn vjaġġ ta’ siegħa b’ferrovija minn belt għal oħra fuq il-kontinent Ewropew.
Id-distanza bilfors li jkollha effett fuq moħħ in-nies. M’għandi l-ebda dubju fuq dan. Aktar ma d-distanza hi żgħira anqas wieħed jinkwieta fuq il-ħin ngħidu aħna. Filwaqt li xi wħud jistgħu jinterpretaw il-karattru Malti bħala kajman jekk mhux ukoll għażżien u indixxiplinat, naħseb li din il-partikularità hija dovuta kollha kemm hi għad-daqs u d-distanza. M’hemm kważi problema ta’ xejn li tasal tard, u allura għala tinkwieta?
Huwa minnu li l-pajjiżi kollha huma differenti. Aktar ma l-paragun ikun kbir, aktar se jidhru dawn id-differenzi. Dan il-punt joħroġ sew jekk tipparaguna lil Malta mal-Fillandja ngħidu aħna. Iżda jekk il-paragun ikun ma’ l-Italja, id-differenzi se jiċċajpru u jsiru minimi.
U allura titfaċċa d-differenza bejn id-differenza u d-distinzjoni. Meta wieħed jipprova jaqta’ lill-Mediterran bħala reġjun fi klassi għalih, ikun, fl-opinjoni tiegħi, qiegħed jagħmel żball li jeħtieġ li jiġi msewwi.
Meta jmut intellettwali

F'waħda mill-ħafna intervisti li sarulu, il-filosfu Franċiż Michel Foucault, darba qal li l-intellettwali ma jeżistux. Ovvjament, min jaf ix-xogħol u l-ispirtu ta' dan l-intellettwali Franċiż jifhem immedjatament li kliemu qiegħed jaħbi teorija sħiħa u mhuwiex sempliċi slogan.
Il-Ħamis li għadda miet intellettwali. Kellu 67 sena. Twieled f'pajjiż f'familja tal-klassi l-għolja, imma qatt ma reġa' għex fih wara li familtu telqet minn hemm u marret tgħix f'art oħra. Ħadet deċiżjoni drastika wara li pajjiżha ġratlu storja tinkiteb. Imbagħad mar jistudja l-Amerka fejn baqa' jgħix u jaħdem (fl-Universita' ta' California) sakemm miet. Kellu ħajja 'interessanti'. Kiteb fuq pajjiżu - dak li ma baqax tiegħu - kiteb fuq ir-razza tiegħu - dik li ma baqgħetx tinftiehem - u kiteb fuq il-letteratura Ingliża - dik li studja u pprofessa fiha. Kien ukoll membru tal-parlament fl-eżilju ta' pajjiżu. Ċaħad ftehim politiku li l-kap ta' pajjiżu għamel u allura irriżenja mill-kariga ta' membru parlamentari. Darba gara ġebla kbira fuq kmajra ta' sentinella. Jekk tara ritratt tiegħu - perezempju dan t'hawn fuq - ma taqtgħux bniedem vjolenti. Garaha għax kien intellettwali. U tajjeb naraw li Al-Ġażira, fl-obitwarju li ħarġet wara mewtu, irrimarkat li dan l-intellettwali ma garax ġebla lejn is-sentinella imma garaha kif inhi t-tradizzjoni fl-inħawi tal-fruntiera bejn il-Libanu u Israel. Bħas-soltu il-media ma tafx tkun newtrali.
Edward Said twieled fil-Palestina. Bħal hafna oħrajn bħalu spiċċa eżiljat. Palestinjan b'isem mhux-Għarbi. Anzi b’isem Kristjan, bħalma kienet familtu, bħalma kien hu. Imma baqa' Għarbi sa l-aħħar nifs ta' ħajtu. U baqa' Palestinjan: imweġġa' mhux biss bil-mod kif l-Israeliti kissru lill-poplu tiegħu, imma wkoll imweġġa' kif il-mexxejja ta' pajjiżu ħolqu ftehim li kien imur kontra l-interessi ta' l-istess pajjiż li kienu qegħdin imexxu. Imweġġa' għax qalagħha fuq diversi fronti: fosthom għaliex intebaħ li l-mod kif il-Punent iħares lejn pajjiżu u razztu huwa mod razzist u mimi sterjotipi u klixejiet; minbarra l-fatt li huwa mod żbaljat ta' kif tħares lejn din ir-razza antikissma li fl-imgħoddi kienet magħrufa l-aktar għall-genji li kienet tipproduċi. Imweġġa' wkoll għax l-ideal tiegħu ma rahx iseħħ: dik li ma jkunx hemm żewġ nazzjonijiet imma wieħed b'żewġ popli jgħixu fih: il-Palestinjani u l-Lhud tal-Palestina.
Kien intellettwali imweġġa' u muġugħ.
Eżiljat li ħadem biex niesu jkollhom dar flimkien ma' l-'oħrajn' li tgħidx kemm jisparaw fuqhom. Imma jkollhom dar. Ħadem mill-eżilju. Emmen fl-ugwaljanza u fl-umanita'.
Wara mewtu ġie mfaħħar f'kull rokna tad-dinja. Anki Jasser Arafat, li ma marx għal għajn Said, ħareġ ifaħħru u sejjaħlu: "il-bniedem li tant emmen fil-liberta' umana, u fid-drittijiet ta' l-individwu." Kontra dak li jgħidu xi whud, Said ma kienx anti-Israelit. Irrikonoxxa l-fatt li l-Lhud kienu vittmi għal snin twal ħafna. Irrikonoxxa l-fatt li l-poplu tiegħu kien vittma tal-vittmi.
L-ikbar xhieda ta' dan jagħtiha Daniel Barenboim - il-prodigu mużikali Lhudi ta' dixxenenza Russa, li ried jikkonvinċi lill-Israeliti jdoqqu 'l Wagner f'Israel, u li ma' Said, waqqaf orkestra ta' mużiċisti żgħażagħ Għarab u Lhud: "Ma ninsa qatt dak il-jum meta (Said) ikkonvinċa sala mimlija żgħażagħ Għarab, Israeliti, u Ġermaniżi, li x-xitan jinsab f'kull wieħed minna."
L-Isbaħ Mara tad-Dinja

M'għandi l-ebda dubju, li din hija l-iktar biċċa xogħol artistika meraviljuża. Mara mimduda fuq il-lemin tagħha, li ilha rieqda għal tlitt elef sena - uħud jgħidu anki erbat elef. Mhijiex mejta. Sempliċiment rieqda. Jista' jkun ukoll li qiegħda toħlom: ħolma tant sabiħa li ddeċidiet li ma tqum qatt.
Il-Mara r-Rieqda, li tagħha għandi replika rħisa minn dawk li ssib tixtri fil-ħwienet tas-souvenirs fuq l-iskrivanija, minn dejjem affaxxinatni. Id-daqs tagħha huwa 7ċmX12ċmX6.89ċm, kienet instabet fil-kamra l-aktar ċentrali ta' l-Ipoġew, it-tempju sotterran li kien skopert b'ċikka fir-Raħal il-Ġdid fl-1902. L-istatwetta immotivat lil ħafna nies, li jvarjaw minn arkeologi stmati sa xi erba' New Age Freaks, biex jippruvaw jifhmu s-simboliżmu tagħha.
It-teoriji kollha donnhom li jiċċentraw fuq it-twemmin li fuq il-gżira dak iż-żmien kienet tgħix soċjeta' matriarkali. Għaldaqstant, il-Mara setgħet kienet simbolu ta' l-Art Omm, jew xi simbolu tal-Fertilita'. Oħrajn jaslu biex iħarsu lejn il-Mara r-Rieqda bħala l-figura ta' xi alla, tant li hemm min isejħilha l-Alla li Qiegħda Toħlom. M'għandniex xi ngħidu li dan it-titlu huwa popolari aktar mill-ieħor ma' movimenti ta' Nisa New Age, li ninsab ċert li dak li se nsegwi bih ma jagħtihomx gost. Ġaladarba l-post fejn instabet l-istatwetta kien tempju sotterran li mbagħad serva wkoll ta' midfna, hemm uħud li jemmnu li l-Mara hija l-personifikazzjoni tal-Mewt...mhux il-Mewt li teqred u taħsad darba għal dejjem, iżda l-mewt bħala raqda twila li terfagħlek ir-ruħ mill-ġisem rieqed u tieħdu lejn il-lilhinn. Tassew kuntrast qawwi bejn din il-Mara qawwija u l-figura post-Kristjana tal-mewt bħala skeletru bla laħam, jitbissimlek dik it-tbissima ċinika.
Minħabba li jien materjalist, nissusspetta li meta niġu biex ninterpretaw iż-żminijiet l-antiki, għandna t-tendenza li nesaġeraw xi ftit mhux ħażin f'dak li ngħidu. Donnu li għandna t-tendenza li nipprojettaw il-preokkupazzjonijiet u x-xewqat tagħna fuq ix-xogħlijiet artistiċi ta' dawk ta' qabilna. Forsi nħossu wisq in-nuqqas ta' reliġjon, jew nindafru wisq fiha. Jew nippruvaw wisq insibu t-tifsira ta' l-attwali fil-primordjali. Ngħiduha kif inhi, li tkun eżoteriku saret moda. Jista' jkun ukoll li nirromantiċizzaw wisq lil dawk il-povri antenati u nattribwixxu tifsiriet spiritwali u reliġjużi għal kull biċċa oġġett li ħallew warajhom. U allura, l-istatwetta tal-Mara r-Rieqda, ġibnieha oġġett ta' kult, li bilfors serviet ta' personifikazzjoni ta' xi alla, jew ippersonifikat il-lilhinn...kienet dak kollu, jew xi ftit minn dak kollu, jew xiħaġa hekk. Kważi nemmnu li l-istatwetta setgħet addirittura waqgħet mis-sema bla ma nkisret.
U dan iġibni għal punt ieħor. Safejn naf jien, ħadd qatt ma jitkellem fuq l-iskultur, il-kreatur ta' din il-mara rieqda, il-ġenju li skolpieha. Nitkellmu fuqha - il-mara - bħallikieku kienet minn dejjem u mhux manifatturata. Min għamilha? Xi qassis li ried isaħħaħ l-awra madwaru billi joħloq figura? Xi qassisa li sawret il-figurin biex turih lin-nies ta' madwarha? Xi għalliem jew għalliema? Jew inkella seta' kien sempliċiment artist li lejla fost l-oħrajn, kien hemm dil-mara li ġibditlu l-attenzjoni? Kinitx xi mara, din li ġibdet l-għajn, li wara ġurnata tħaffer iż-żonqor b'biċċa żnieda biex jissawwar it-tempju, imtedded għajjiena mejta u raqdet minnufih? Setgħetx, wara kollox, din l-istatwetta kienet il-frott ta' mument ta' estru artistiku ta' skultur li tgħaġġeb wara l-ġmiel ta' mara qawwija u b'saħħitha, li fid-daqqa u l-ħin ħataf ftit tafal u beda jnaqqax biex jirrikreaha, jiħdilha ritratt? Jew jistax ikun il-każ ukoll, li l-istatwetta 'divina' kienet is-sublimazzjoni tal-ħsibijiet żienja ta' dan l-iskultur, li xtaq lil din il-mara mibruma (li tidher liebsa biss dublett)? Jistax ikun li l-Mara r-Rieqda nofsha għarwiena, aktar milli oġġett divin, kienet oġġett ta' impulsi erotiċi? Wara kollox l-irġiel iħobbu n-nisa, in-nisa jħobbu n-nisa, l-irġiel l-irġiel, in-nisa n-nisa ...
X'jiġri jekk xidarba, ngħidu aħna fi żmien ħames mitt sena, xi sinjur Malti jiddeċiedi li jħaffer il-garigor tiegħu lejn iċ-ċentru tad-dinja, u fil-proċess isib statwetta ta' raġel oħxon, mimdud fuq ix-xellug tiegħu?
Kemm suppost indumu niftakru/nfakkru?
Skantajt mhux ftit, li Praga ma fakkritx il-ħamsa u tletin anniversarju ta' l-invażjoni Sovjetika. Inzertajt kont hemm, fil-21 ta' Awissu 2003. Morna l-Pjazza ta' Vaklav, jien u Jana, mingħalina li konna se naraw xiħaġa. Ma kien hemm xejn għajr is-soltu turisti jippassiġġaw, u immigranti, ġeneralment ta' ġilda sewda, iħeġġuk biex tidħol fin-nightclubs, anki filgħodu. Ma kien hemm l-ebda ħjiel li dik kienet data importanti. Il-ġurnal Dnes ippubblika facsimile tal-ħarġa speċjali tal-gazzetta ta' l-għada ta' l-invażjoni. Mill-bqija ma kien hemm xejn.
Skantajt, u jista' jkun ukoll li skruplajt xi ftit. Kont nimmaġina li dik kienet data importanti ħafna fl-istorja mqallba ta' l-ex-Ċekoslovakkja. Assumejt u ippretetendejt li kellu jkun hemm xi forma ta' kommemorazzjoni. Iżda ma kien hemm xejn. Stennejna sa wara nofsinhar. Xejn. Erġajna tlajna l-pjazza filgħaxija u ma kien hemm xejn xorta waħda. Forsi ċ-Ċeki ddejqu jiftakru. Forsi għejew. Forsi saħansitra jridu jinsew. U allura l-mistoqsija: kemm suppost indumu niftakru u nfakkru avveniment li ġara darba waħda?
Mhuwiex argument konness biss mar-rebbiegħa mitlufa Ċekoslovakka. Huwa argument li narah jgħodd ukoll għal Malta. Mumenti ta' taqlib politiku anki f'Malta seħħew. Uħud minnhom bqajna nfakkruhom, oħrajn intilfu. Ngħidu li għadna niftakru - mhux jien imma ta' qabli - id-dħul tal-Konvoj ta' Santa Marija. Ngħidu li għadna niftakru meta l-Italja ċediet għall-forzi ta' l-Alleati. Bqajna nfakkru l-Assedju l-Kbir, Jum ir-Repubblika. Nofsna għadhom ifakkru Jum l-Indipendenza u n-nofs l-iehor Jum il-Ħelsien. Dawn għadhom fostna, infakkruhom sena wara sena. Madankollu, kien hemm avvenimenti oħra li wkoll kienu importanti fin-nisġa ta' l-istorja ta' Malta, li llum m'għadhomx jiġu mfakkra: ġrajjiet li jħammru l-uċuħ wara li ħammru bid-dmija. Il-qtil ta' Karen Grech, il-qtil ta' Raymond Caruana, il-qtil ta' Nardu Debono, il-battalja f'Tal-Barrani. Dawn huma ġrajjiet li ma seħħewx sekli ilu. Seħħew il-bieraħ, u madankollu qegħdin jintesew. Hemm ġurnali li jippruvaw ifakkru iżda huwa ċar li t-tifkira ta' dawn qiegħda kulma jmur tintilef dejjem aktar.
Minbarra li huwa interessanti li wieħed jara għala ċerti dati jibqgħu jitfakkru u oħrajn le, huwa interessanti wkoll li wieħed jara għandniex nibqgħu niftakru u nfakkru ċerti dati. Forsi huma skomdi għal ħafna jew għal uħud. Forsi huma wisq tal-mistħija. Forsi jfakkruna wisq fil-firdiet sfortunati ta' bejnietna. Ngħiduha kif inhi: m'hemm xejn sabiħ x'tiċċelebra fl-anniversarju tal-qtil ta' Grech u ta' Caruana u ta' Debono. Lanqas fl-anniversarju tal-Battalja tal-Barrani. Huma ġrajjiet tal-mistħija. Iżda l-problema vera mhijiex il-mistħija. Il-problema vera hi li f'Malta għadna ma nistgħux nitkellmu fuq l-istorja liberament. Ma nistgħux nivvalutaw is-snin tas-Soċjaliżmu Malti u lanqas ma nistgħu nivvalutaw is-snin tal-Liberaliżmu f'Malta, għar-raġuni sempliċi li Malta hi maqsuma fi tnejn. Fredu Buttigieg, f’Ir-Rewwixta tal-Qassisin jilmenta minn din l-attitudni meta l-karattru ta’ Mannarino jirrifjuta li jaħdem is-silta tar-rewwixta għax forsi xiħadd fil-platea jħossu skomdu billi seta’ kien hemm. Iċ-Ċeki jkellmuk fuq l-istorja ta' pajjiżhom u d-differenzi bejn qabel u wara r-rivoluzzjoni. Is-Slovakki jagħmlu l-istess. Imma l-Maltin ma jistgħux ikellmuk fuq żmien is-Soċjalizmu u warajh. Għax dak ikun jiddependi ħafna minn min ikun qiegħed jitkellem.
Stefanos Stavrides jgħix Nicosia. Kittieb Ċiprijott li ltqajt miegħu l-ewwel darba f'Sarajevo u rġajt iltqajt miegħu ftit tal-jiem ilu f'Parma. Lejla minnhom, bejn sigarett u ieħor, staqsieni fuq is-sitwazzjoni f'Malta bħalissa. Għidtlu li nista' ngħidlu x'inhi u anki x'kienet. Iżda gżidtlu wkoll li jaf jiltaqa' ma' Malti ieħor u jagħtih stampa kompletament differenti minn dik li nkun tajtu jien. Fehemni: mhux għax dak li għidt jagħmel sens, iżda għax pajjiżu maqsum fi tnejn ukoll: in-naħa Torka n-naħa Griega. U lanqas hu ma jista' jirrakkonta l-istorja liberament. Irid kontinwament jiġbidli l-attenzjoni li din hija l-verżjoni tiegħu ta' Ċiprijott Grieg. Ħadd aktar ma fehemna.
Ġimgħa ilu f'Parma
Ġimgħa ilu kont Parma għal tnedija ta' ktieb. Il-ktieb, Racconti Senza Dogana, ippubblikat minn Gremese Editore, u li kien jinkludi ħamsa u għoxrin novella, waħda minn kull pajjiż-membru ta' l-Unjoni Ewropea, kien miġbur mill-PEN Club Taljan fl-okkażjoni tal-presidenza Taljana ta' l-Unjoni Ewropea. Din ma kinitx l-ewwel darba li xogħol minn tiegħi ntgħażel biex jidher f'pubblikazzjoni speċjali ta' l-Unjoni Ewropea: l-okkażjoni l-oħra kienet poeżija ppubblikata f'antoloġija maħruġa mill-presidenza Belġjana xi snin ilu. Ma nafx meta kien eżatt u jien għażżien wisq biex immur niċċekkja issa. Il-pubblikazzjoni Taljana, li kienet tinkludi n-novelli fil-lingwa oriġinali u traduzzjoni għat-Taljan, kienet waħda miktuba minn awturi li kellhom 35 jew inqas. Erbat ijiem wara t-tnedija għalaqt 36. Imma insomma....
Xiħadd bagħat press release fl-istampa lokali li fiha kien hemm imħabbar dan l-avveniment. Kien hemm miktub ukoll li jien kont qiegħed nirrappreżenta lil Malta. Din li jien kont qiegħed "nirrappreżenta lil Malta" laqtitni mhux ftit u ġegħlitni naħseb. Kollox sew. ktibt in-novella apposta għal din l-antoloġija, u ċ-Ċentru Kulturali Taljan f'Malta ikkuntattjani bil-ħsieb li din in-novella tkun il-kontribuzzjoni Maltija għall-pubblikazzjoni Taljana. Iżda jekk wiehed kellu jistaqini x'hemm 'Malti' fin-novella, kont nibqa' bla kliem. Jekk xejn, in-novella tirrappreżenta lili: il-preokkupazzjonijiet tiegħi bis-soċjeta' kontemporanja (Maltija u barranija), anki jekk hija bbaħata f'Malta b'karattri Maltin tneħħi wieħed jew tnejn. Madankollu dan ma jfissirx li din in-novella tirrappreżenta lil Malta. B'kumbinazzjoni jien kittieb li twieled u għadu jgħix f'Malta, kollox sew, u l-istorja tiegħi dehret miktuba bil-Malti kif ukoll bit-Taljan.
Minix daqstant ċert li huwa xi unur tirrappreżenta lil Malta. Għax bla ma rrid nistaqsi lili nnifsi x'tani dal-pajjiż biex inħossni obbligat lejh tant li nasal nirrappreżentah. X'tawni l-istituzzjonijiet għolja ta' Malta lili? X'tawni l-potenzi Maltin? X'tani l-poplu Malti? U jekk it-tweġiba, bħalma nahseb li hi, hija "xejn", allura nibqa' nistaqsi l-għala għandi jien nirrappreżenta lil dan il-pajjiż. Iżda hemm mistoqsijiet oħrajn li suppost għandhom jiġu qabel dawn. Xi jfisser li tirrappreżenta lil Malta? X'inhi din Malta? Nifhem li hemm grupp ta' politiċi li jirrappreżentaw lill-poplu wara li dan eleġġiehom biex jagħmlu propju hekk. Nifhem li hemm president, anki jekk din hija kariga bla siwi, li ġie 'elett' mill-gvern li ġie elett mill-poplu. Nista' nifhem ukoll li hemm ħdax-il persuna li jilbsu l-flokk nazzjonali u jiġru wara l-ballun jirrappreżentaw lil Malta. Iżda fil-każ ta' kittieb, x'aktarx l-aktar ħlejqa egoċentrika u egoista li jista' jkun hawn fuq wiċċ l-art, din ir-rappreżentazzjoni ssir xiħaġa skomda.
Dan biex ma ngħidx ukoll li filwaqt li pubblikatur Taljan li ma jafnix minn Adam, ħareġ flusu biex jippubblikali xogħli, meta f'Malta - dik li suppost kont qiegħed nirrappreżenta f'Parma - ħadd ma indenja jagħmel hekk, tneħħi dak is-semi miġnun ta' Mark Vella tal-Minima Publishers. Biex ma nsemmix ukoll li l-illustri poeti Maltin ta' qabli ma tawnix il-Premju Letterarju s-sena l-oħra u minflok tawni t-tieni post. Dakinhar inqala' kjass minuskulu li jien, konxjament, irrifjutajt li nipparteċipa fih. Dan huwa dak li 'Malta' tatni. U jien, insib ruħi Parma 'nirrappreżentaha'.
Ninsabu Parma, fir-raħal żgħir ta' Compiano, mitluf qalb muntanji sbieħ iħaddru. Fuq il-quċċata ta' waħda minn dawn l-għoljiet hemm kastell. F'dan il-kastell hemm miġbura l-krema tal-kittieba Taljani, fosthom il-poetessa Alda Merini, maħmuġa tinten b’ilbies tal-ħabba gozz. Ma' dawn hemm ħamsa u għoxrin kittieb żagħżugħ mill-Ewropa l-Ġdida, kif issa kulħadd qiegħed isejħilha. Hemm ukoll ħafna nies ta' l-alta societa', imdawra b'politiċi Taljani, fosthom is-Sindku ta' Compiano u l-Ambaxxatur Taljan għall-Kultura (in-nomenklatura eżatta tiegħu, flimkien ma' ismu, insejthom). Tneħħi lil Merini u lil dik il-ġgajta żgħażagħ Ewropej, kulħadd donnu mudell għall-ħwejjeġ ta' Versace. Hemm kunċert fi knisja żgħira. Il-pjanista, teatrali kemm tridu, qiegħed idoqq il-marċ funebru ta' Chopin. F'daqqa waħda jdoqq il-mobile ta' xiħadd. U kulħadd jitkaża ovvjament.





Ultimi commenti